W I R J A   T A L - Ġ I M G Ħ A   M Q A D D S A   2 0 1 8


14 ta' Frar 2018

 

L-Għaqda Wirjiet San Ġużepp Ħaddiem ser tkun qed torganizza, għall-20 sena konsekuttiva, il-Wirja Annwali tal-Ġimgħa Mqaddsa, fiċ-Ċentru Parrokkjali San Ġużepp Ħaddiem, f’Birkirkara.

 

Il-wirja, bit-tema Il-Misteru tal-Mewt u l-Qawmien', hija wirja kollettiva bil-parteċipazzjoni ta’ 'il fuq minn 40 esebitur.  Fost l-oġġetti esebiti f’din il-wirja, wieħed jista’ jsib Ċenaklu fuq stil Lhudi,  kkumplimentat bi statwa life size ta' Kristu, għadd ta’ settijiet ta’ statwetti tal-Ġimgħa l-Kbira maħdumin minn statwarji varji, mudell ta’ Golgota b’ ‘il fuq minn mitt statwetta tat-tafal, mudell kbir ta’ knisja armata bil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira, platti u kwadri bis-smid, ross u għaġin, u diversi oġġetti sagri u simboli oħra.  Attrazzjonijiet oħra f’din il-wirja jinkludu vestwarju u simboli tar-Rumani u mudell life size tal-Qabar ta' Kristu.  Ma jonqsux lanqas diversi xogħlijiet ġodda li nħadmu mill-membri tal-għaqda matul is-sena u li mistennija jiżżanżnu  proprju għal din il-wirja.

 

Il-Wirja ser tinfetaħ uffiċjalment nhar il-Ħadd 18 ta’ Marzu fl-10.00 a.m. u titbierek mill-Kappillan tal-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem, ir-Rev. Dun Josef Mifsud.  Għall-okkażjoni tal-ftuħ uffiċjali tal-wirja, ser tittella’ wkoll rappreżentazzjoni qasira minn grupp ta' atturi.

 

Il-Wirja tiftaħ kuljum sal-Ġimgħa l-Kbira (30 ta' Marzu).  Dettalji dwar il-ħinijiet tal-ftuħ jinsabu fil-poster.  Dħul b'xejn.

 

Promo uffiċjali tal-Wirja: https://www.youtube.com/watch?v=hLwllClLmK4&t=8s

 

 

W I R J A   T A '   P R E S E P J I   2 0 1 7


1 ta' Diċembru 2017

 

L-Għaqda Wirjiet San Ġużepp Ħaddiem ser tkun qed torganizza, għall-15-il sena konsekuttiva, il-Wirja Annwali tal-Presepji, fiċ-Ċentru Parrokkjali San Ġużepp Ħaddiem, nru. 71, Triq Bwieraq, Birkirkara.

 

F’din il-Wirja ser ikun hemm esebiti ‘l fuq minn 70 presepju ta’ kull daqs u għamla, kif ukoll Bambini, kwadri bis-smid ikkulurit, dekorazzjonijiet u oġġetti oħra relatati mal-Milied.  Fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-oġġetti għall-wiri huma magħmulin bl-idejn mill-esebituri nfushom.  Barra minn hekk, ser ikun hemm esebiti wkoll xi presepji, Bambini u kwadri antiki li ser ikunu qed jintwerew fil-pubbliku għall-ewwel darba f’din il-Wirja. 

 

Matul il-ġranet tal-Wirja, ser isir ukoll bejgħ ta’ ponsjetti, pjanti, dekorazzjonijiet u ħelu tradizzjonali tal-Milied.  Ikun hemm ukoll bar/kafetterija fejn wieħed jista’ jieħu xi ħaġa mal-familja jew ħbieb f’atmosfera festiva.

 

Il-Wirja tkun miftuħa min-nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Diċembru (Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni) u tibqa’ tiftaħ sal-Ħamis 28 ta’ Diċembru.  Il-ħinijiet tal-ftuħ ikunu kuljum mid-9am sa 12pm u mill-4pm sat-8pm.  Id-dħul huwa kompletament mingħajr ħlas.

 

Promo Uffiċjali tal-Wirja: https://www.youtube.com/watch?v=1N0MKw_ZpoQ&t=5s

 

 

B A Z A A R   T A L - M I L I E D   2 0 1 7


11 ta' Novembru 2017

 
Il-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem Birkirkara ser torganizza Bazaar tal-Milied bejn il-Ħamis 16 ta' Novembru u l-Ħadd 19 ta' Novembru 2017.  

Fost l-oħrajn, fih wieħed jista' jsib jixtri ħelu, pjanti, tiżjin tal-Milied, kotba, fajjenza u diversi oġġetti oħra, bi prezzijiet vantaġġjużi.  Huwa ideali ferm biex wieħed ikun jista' jagħmel ix-xiri tiegħu qabel jibda' x-xahar tal-Milied.

Dan il-Bazaar ser jittella' fiċ-Ċentru Parrokkjali San Ġużepp Ħaddiem, nru. 71, Triq Bwieraq, Birkirkara.  Jiftaħ kuljum mid-9.00 a.m. sa 12.00 a.m. u mill-4.00 p.m. sas-7.00 p.m.  

 

 

F E S T A   M A D O N N A   T A R - R U Ż A R J U   2 0 1 7


22 t'Ottubru 2017

 
Nhar il-Ġimgħa 27 t'Ottubru 2017, fil-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem Birkirkara, ser tkun iċċelebrata l-Festa tal-Madonna tar-Rużarju.

Fis-6.30pm, mill-Knisja Parrokkjali toħroġ il-purċissjoni bil-vara tal-Madonna u tgħaddi minn diversi toroq tal-Parroċċa.  Fi tmiem il-pellegrinaġġ, issir quddiesa fil-beraħ fi Triq Indrì Calleja.  Din ser tkun ikkonċelebrata mill-Kappillan u s-saċerdoti tal-Parroċċa.  Wara l-quddiesa jsir id-dħul tal-vara lura fil-Knisja Parrokkjali.

F'każ ta' maltemp, il-quddiesa ssir xorta waħda fil-Knisja Parrokkjali.  Dettalji fil-poster anness.

 

 

F E S T A   S A N   Ġ U Ż E P P   Ħ A D D I E M   2 0 1 7


22 t'April 2017

 

22 ta’ April – 1 ta’ Mejju 2017

 

 

Is-Sibt 22 t’April       

7.30pm           Lejla Maltija għall-familja kollha fi Triq Gori Mancini. Ikun hemm ikel Malti, xorb, żfin u varjetà ta’ talent Malti. Mistiedna speċjali: Chiara, Josef Tabone, Deborah C, Malcolm Pisani, u l-Band Moonshine Malta, flimkien ma’ varjetà ta’ talent ġdid u lokali.

 

Il-Ħadd 23 t’April     

6.30pm:         Quddiesa bi stil żagħżugħ, immexxija minn Fr Robert Grech.     Għal din iċ-ċelebrazzjoni huma mistiedna b’mod partikolari l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ kollha ta’ Birkirkara. Wara l-quddiesa jkun hemm ċelebrazzjoni żagħżugħa fuq iz-zuntier.

 

It-Tlieta 25 t’April    

6.30pm:         Quddiesa bi stedina speċjali għall-helpers kollha tal-Parroċċa mmexxija mill-Arċisqof Emeritu Mons Pawlu Cremona O.P. Waqt il-quddiesa jingħata l-mandat lir-reffiegħa u fit-tmiem taċ-     ċelebrazzjoni jsir il-ħruġ tal-vara ta’ San Ġużepp Ħaddiem min-            niċċa.  Wara jsir riċeviment għall-helpers fuq iz-zuntier.

 

L-Erbgħa 26 t’April  

4.30pm:         Quddiesa għal dawk kollha nvoluti fil-qasam tad-djakonija, immexxija minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza. Wara jsir riċeviment fuq iz-zuntier.

 

Il-Ħamis 27 t’April   

9.00am:          Quddiesa għall-morda u l-anzjani, mmexxija minn Patri Renald Lofreda O.Carm. Waqt il-quddiesa jiġi amministrat is-Sagrament tal-Griżma tal-Morda.  Wara l-quddiesa jkun hemm riċeviment fiċ-Ċentru Parrokkjali. 

                        L-anzjani li jixtiequ jieħdu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni u għandhom bżonn trasport, mitluba jinfurmawna fl-Uffiċċju Parrokkjali fuq 21483245.

 

4.30pm:         Quddiesa għat-tfal kollha mmexxija mis-saċerdot novell Fr Claude Mifsud. Wara jkun hemm manifestazzjoni ferriħija bl-istatwa ż-żgħira ta’ San Ġużepp u Sports Rally organizzat għat-tfal kollha fi Triq Gori Mancini.

 

Il-Ġimgħa 28 t’April

6.30pm:         Quddiesa għall-familji kollha mmexxija minn Fr Joe Borg. Tingħata wkoll tifkira lill-koppji li matul din is-sena qed jiċċelebraw xi anniversarju speċjali miż-żwieġ tagħhom.

 

Is-Sibt 29 t’April       

5.00pm:         Quddiesa.

 

6.30pm:         Quddiesa għall-ħaddiema kollha bi stedina speċjali għal dawk kollha nvoluti fil-qasam tal-edukazzjoni, immexxija mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles J. Scicluna.

 

Il-Ħadd 30 t’April – Lejlet il-Festa

5.00pm:         Quddiesa.

 

6.00pm:         Translazzjoni bir-relikwa ta’ San Ġużepp Ħaddiem mill-Qasam tal-MUSEUM tas-Subien, fi Triq Brared, sal-Knisja Parrokkjali, immexxija minn Mons. Tarcisio Delicata, saċerdot li jservi fil-Parroċċa tagħna li qed jiċċelebra l-50 anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali. Waqt it-translazzjoni se takkumpanja wkoll il-Fratellanza ta’ San Ġużepp fi ħdan il-Parroċċa ta’ San Ġużepp tal-Imsida. Malli r-relikwa ta’ San Ġużepp tidħol fil-Knisja Parrokkjali, titkanta l-antifona ta’ San Ġużepp Ħaddiem.

 

6.30pm:         Quddiesa Solenni ta’ Lejlet il-Festa mmexxija minn Mons. Tarcisio Delicata. Waqt il-quddiesa jsir l-ewwel għasar tal-festa.

 

8.00pm:         Programm ta’ marċi brijużi live mill-Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara u ikla kbira tal-Festa fi Triq Gori Mancini.

 

It-Tnejn 1 ta’ Mejju – Jum il-Festa

Matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu, se tkun qegħda ssir Blood Drive fiċ-Ċentru Parrokkjali, fejn se jkun hemm l-istaff miċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm. Jixraq li nkunu ġenerużi billi min jista’, jagħti d-demm. Ma ninsewx nieħdu magħna l-karta tal-identità. Tista’ wkoll iċċempel l-Uffiċċju Parrokkjali (21483245) matul il-ġranet ta’ qabel biex tiffissa ħin meta tixtieq tmur tagħti d-demm.

 

Quddies fis-6.30am, 9.00am, 11.00am u 5.00pm.

 

6.00pm:         Quddiesa Solenni tal-Festa mmexxija minn Fr Joe Borg, saċerdot li jservi fil-Parroċċa tagħna u li qed jiċċelebra l-40 anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali. Waqt il-quddiesa jsir ukoll it-Tieni        Għasar tal-Festa.

 

7.00pm:         Jibda marċ mill-Banda De Rohan ta’ Ħaż-Żebbuġ minn Triq il-Kanonku Karm Pirotta (ħdejn l-ex Vodafone) li jgħaddi minn Triq il-Karmnu, għal Triq il-Bwieraq.

 

7.30pm:         Toħroġ il-Purċissjoni bil-vara titulari ta’ San Ġużepp Ħaddiem, immexxija minn Fr Joe Borg. Fil-ħruġ tal-purċissjoni tingħad talba lil San Ġużepp għall-bżonnijiet tal-Parroċċa. Il-Banda De Rohan tilqa’ l-vara ħdejn Triq Gori Mancini u takkumpanja l-purċissjoni li tgħaddi minn Triq il-Bwieraq, Triq il-Fuħħarin, Triq F.S. Caruana, Triq il-Karmnu, Triq Brared, Triq Anġlu Mallia u Triq il-Bwieraq.

 

9.45pm:         Il-vara tasal fuq iz-zuntier u tingħad talba lil San Ġużepp Ħaddiem għall-bżonnijiet tal-ħaddiema kollha.

 

10.00pm:       Il-vara tidħol fil-Knisja, titkanta l-Antifona ta’ San Ġużepp Ħaddiem u tingħata l-Barka Sagramentali.

#festasgh17

 

 

L E J L A   M A L T I J A  -  F E S T A   2 0 1 7


17 t'April 2017

 

Il-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem ta' Birkirkara ser torganizza Lejla Maltija għall-familja kollha, nhar is-Sibt 22 t'April, mis-7.30 p.m. 'il quddiem, fi Triq Gori Mancini, biswit il-Knisja Parrokkjali ta' San Ġużepp Ħaddiem.

Waqt din il-Lejla Maltija, li ser isservi bħala tħejjija għall-Festa ta' San Ġużepp Ħaddiem, ser ikun hemm diversi stands b'ikel u xorb.  Divertiment ser ikun provdut minn kantanti lokali u oħrajn stabbiliti bħal Chiara, Deborah C, Josef Tabone, Malcolm Pisani u oħrajn.  Ser tittella' wkoll wirja ta' karozzi militari, bil-kollaborazzjoni ta' Battlefields Reenactment Group.  Ma jonqsux lanqas sketches komiċi, logħob għat-tfal u diversi attrazzjonijiet oħra.